Il-Franċiżi għandhom kapaċità ġenjali sabiex iġagħluni nħobb dak li verament nobgħod u kważi ma naħmilx.

Għandi problemi kbar fl-apprezzament u analiżi tal-arti kontemporanja fejn kollox sar arti u kulħadd sar artist, kemm dawk li għandhom talent kif ukoll dawk li m'għandhomx; kemm dawk li għandhom teknika u sengħa, kif ukoll dawk li m'għandhom xejn. F'dan id-diżastru xejn sabiħ, li hu wild il-filosofija tal-Illuminazzjoni-"Enlightenment" u r-reazzjoni kontra twieldu monstri mhux biss politiċi, ideoloġiċi u anke tista' tgħid "reliġjonijiet" u mitoloġiji iżda anke monstri materjali ta' ħġieġ, ħadid, azzar u laned.

Fosthom storikment għandna l-"Crystal Palace" (li se jerġa' jinbena) ġewwa r-Renju Unit u għandna t-Torri Eiffel ġewwa Franza. Żewġ monstri li juru s-sbuħija tal-ħsieb xjentifiku u kif dan twaħħad mat-teknolġija rampanti. It-teknoloġija u l-industrija ħadet post l-estetika filosofika. Il-materjalità difnet il-ħsieb ta' sbuħija u ħarbxet ir-relazzjoni li l-arti għandha jkollha mal-bniedem. Il-materjalità saret hi s-sabiħ.

Kien se jkollna kapolavur ieħor taħt id-direzzjoni tal-artist Russu Sovjetiku bit-Torri tiegħu ddedikat lil Muviment tal-Internazzjonal Komunist, ġewwa Moska. Sfortunatament għar-rinaxximent tas-seklu għoxrin, dan ma seħħx. Il-materjalità saret hi tirrappreżenta l-poter u l-eternità.
Dan kollu skont it-teoretiċi tas-seklu dsatax diġà kien meqjus bħala r- renju tad-dimonju, kif kien jemmen Dostoevsky. L-awturi anke progressivi ma setgħux jifhmu l-iżvilupp spettakolari li kien għaddej minnu l-bniedem, żvilupp paradossalment lejn il-qerda tiegħu stess: ħġieġ u azzar, xjenza u raġun, u l-bniedem?
U wasalt jiena Franza u din id-darba, fil-fatt l-ewwel darba minħabba impenji u xogħol kelli ninstalla ruħi ġewwa spazju eredi, eredi modern ta' dan ir-renju demoniku. Fil-fatt kelli noqgħod fit-territorju ultra-modernista ta' La Défense. Ħġieġ, ħġieġ u ħġieġ. Dipressjoni totali ta' kif il-bniedem irnexxielu jikkonvinċi ruħu fil-majestà tal-materjalità. Spazju kiesaħ, riflessjonijiet virtwali mill-ħġieġ, Pariġi kollha għaddejja minn taħt, u ħassejtni f'ġungla impressjonanti imma mejta, ħlief f'dawk ir-riflessjonijiet li tista' tgħidilhom barokki.
U sorpriża kbira għalija li wara ftit taż-żmien indur u nistudja dan il-proġett beda bil-mod il-mod, u bl-għajnuna ta' ħabib tiegħi Olivier Plique, jieħu sura stramba fil-labirinti mentali tiegħi u fil-bjar ta' ċerti ħsibijiet. Ma stajtx nigdeb lili nnifsi: bil-problemi kollha anti-artistiċi u anti-estetiċi li jeżempla dan beda bil-mod il-mod forsi jagħmel sens artistiku u funzjonali.

La Défense llum hija rikonnoxxuta bħala ċentru aggressiv li jingħad li huwa l-aktar dominanti u potenti fid-dinja iżda anke jekk mhux l-aqwa, imma żgur minn tal-ewwel ċentri tal-kummerċ internazz­jonali. Ċentru sħiħ ta' banek, ta' konglomerazzjonijiet finanzjarji, ta' kumpaniji ta' assikurazzjoni bħal Société Générale, Total, Aventis, Saint-Gobain, Capgemini. U fosthom b'mod stramb u anke tista' tgħid krudili, naraw kif l-arti modernista u anke siġar u pjanti jiġġieldu ġlieda mitlufa għad-dominanza tal-ispazju kollu kemm hu ddominat minn ħġieġ u azzar.

Torri T1 bi kważi 200 metru, jikkompeti mat-torri tewmi wkoll ta' kważi 200 metru, it-Torri Granit. L-ewwel wieħed tal-arkitetti Valode u Pistre u l-ieħor ta' Christian de Portzamparc. It-tnejn li huma ma jistgħux ilaħħqu mat-Torri l-ieħor, Tour First, li jlaħħaq mal-240 metru.
Interessanti u b'ċertu ċiniżmu hawnhekk insibu l-Ministeru tal-Ekoloġija jħakkek mal-Ministeru tal-Iżvilupp u tal-Enerġija fi ħdan il-Gran Arche, mera modernità tal- Arche de Triomphe li fil-fatt qiegħda tħares lejha direttament.

U ġejt għall-konklużjoni li bdejt biha hawn fuq: il-Franċiżi għandhom talent ġenjali li jġagħluni nammira u anke nħobb dak li għalija huwa falliment artistiku u dak li huwa bla sens.
Ili mmur Franza għal ħafna snin u kull darba niltaqa' ma' din it-tip ta' sfida. Niftakar il–famuża Piramida fil-Pjazza Louvre, imbagħad iċ-Ċentru Pompidou. 'Guts' trid biex anke biss tmiss dik il-pjazza barokalli fin-nofs tal-aqwa mużew mondjali. U trid ikollok arroganza aggressiva imma sabiħa sabiex tħalli bini ta' katusi ġganteski kkuluriti u ħadid ħiereġ jiżbroffa quddiem il-Palazz magħġun fil-Barokk Franċiż eżattament quddiemu jiġifieri l-Hotel de Ville.
Fl-istess ħin tara karozzi msadda nofshom midfuna fil-ġnien quddiem il-katidral fenomenu tan-Notre Dame. Ħaġa tal-iskantament ġewwa Pariġi dawn il-kontrapożizzjonijiet kuntraditorji u paradossali jaħdmu, u mhux biss jaħdmu iżda jgħinu biex Pariġi tibqa' tasserixxi ruħha bħala il-belt kapitali artistika tad-dinja kollha, u tħalli bliet oħra jikkompetu magħha kważi għalxejn.

Iva għandna New York naturalment imma r-rikkezza djalettali bejn iż-"żibel" tal-arti kontemporanja u saffi profondi ta' kulturi qodma u antiki ma tistax issibha ġewwa New York. Li tara din l-arti New York huwa mod imma li taraha quddiem il-Mona Lisa ta' Da Vinci, Rembrandt, l-arti Griega, Eġizzjana hija ħaġa kompletament differenti, u aktar tal-waħx. Dan kollu huwa pożittiv għax iwelled irid definizzjonijiet ġodda u radikali ta' sbuħija kontemporanja.
Malta ma tistax tqis ruħha li qiegħda barra minn dan l-iżvilupp kollu. X'qed jiġri barra għandu rifless hawn f'pajjiżna u Malta trid jew ma tridx tifforma parti minn dan l-ispazju ta' kompetizzjoni ħarxa ekonomika, politika, ideoloġika, kulturali u artistika.
Malta sfortunatament, jew hawn min jemmen fortunatament, m'għaddietx mir-rivoluzzjoni Haussmanjana ta' Pariġi, fejn minħabba raġunijiet industrijali u modernisti Pariġi revoluzzjonarja ġiet meqruda għal kollox biex b'hekk is-soċjetà kapitalista solviet il-problemi ta' ribeljonijiet kontinwi u fl-istess ħin fetħet it-triq għall-iżvilupp militanti tal-kapitaliżmu Franċiż.

U llum nitgħaxxqu bir-riżultat. Aktar minn miljun persuna sparixxew, mijiet ta' eluf inqatlu biex dan kollu iseħħ, imma din hi storja oħra għal darb'oħra.
Malta kellna l-50ijiet, meta Mintoff ħolom li jistieden lil Corbusier biex joħloq il-proġett tal-Mandraġġ, li ġie abortit, kellna wkoll il-pjaga dibattitu etern ta' Puturjal li fl-aħħar għandna kapolavur ta' Piano, parzjalment abortit ukoll. Kemm se jibqa' kapolavur għad irridu nistennew. Kellna ukoll it-Torri ta' Paceville, mistur u moħbi. U issa għandna żewġ ċentri oħra li ħadd għadu ma studja sew. Il-medjokrità artistika tal-­palazzi barokkali ta' MonteKristo b'appoġġ tista' tgħid tal-massa. Dan qiegħed djalettikament jikkonfronta l-ispazju ta' kontemplazzjoni spiritwali li ħoloq Richard England ġewwa Santa Venera, paradossalment dar ma' dar mal-istituzzjoni bankarja tal-BOV.
Fl-istess ħin il-Gvern preżenti qed jiġi kkritikat għal ħsibijiet tiegħu li jikkonċernaw l-iżvilupp arkitettoniku rivoluzzjonarju għal Malta, li issa qed issir magħrufa bħala Dubai-syndrome. Kif għedt fil-bidu, jiena għandi problemi artistiċi ta' żvilupp bħal dan li sar ġewwa l-Ewropa, iżda rrid nammetti li dan il-ħġieġ kollu huwa riflessjoni tal-andament soċjo-ekonomiku ta' pajjiżna. Il-kapitaliżmu Malti qed jasserixxi ruħu b'qawwa liema bħalha, qatt ma kien aggressiv daqshekk.

Dan l-iżvilupp għandu bżonn estensjoni kbira u esplojtazzjoni profonda fl-ibħra tal-madwar. Għandu bżonn ukoll li Malta ssir xkafef ta' livelli u sulari ddemonjati. Il-kapitaliżmu Malti qed jiżbroffa. Għandu bżonn arkittettura ġdida, mod ġdid ta' kif iħares lejn il-pajsaġġ Malti. Irridu nħarsu 'l qud­diem għax inkella niġu mkaxkra minn tsunami kontra.
Il-kapitaliżmu Franċiż għażel l-aktar arkitetti fenomini (mhux biss Franċiżi) biex jibni u l-aktar artisti soversivi biex "isebbħu". Il-kapitalizmu Malti se jibqa' joħloq il-pasturi quddiem dan it-tsunami ta' "bini azzar"?

Minn Giuseppe Schembri Bonaci

http://www.torca.com.mt/oldarticles/article46902.html


Mdina Biennale Venues