torca logo pngFil-fatt niftakar b'ċerta ċiniżmu u t-tbissima jew anke daħka ta' Emanuel jurini ittri anonimi li kienu bagħtulu xi nies meta raw din l-esebiz-zjoni. Ma setgħux jifhmu li jien pruvajt inwaħħad l-idea tal-għeruq tagħna mal-istorja u kultura antika li għandna. Min-naħa l-oħra nħolqot diskussjoni wkoll għall-fatt li poġġejt din il-forma ta' Madonna megalitika ma' Kristu f'forma Biżantina stillizzat b'linji minimalisti u modernisti kemm jista' jkun.

Il-kultura tagħna hija rikka minħabba dawn il-fatti estremament sbieħ ta' kulturi storiċi b'livelli differenti u radikalment anke opposti, iżda b'mod organiku jsibu posthom integrati flimkien fil-kultura tagħna. Malta għandha kapaċità intriganti li torganizza kulturi differenti f'għaġna waħda u dan hu li jagħmel il-kultura tagħna qawwija. Sfortunatament aħna stess ħafna drabi ma nkunux konxji minn dan kollu.
Jekk noqogħdu attenti, naraw li l-kultura tagħna mhix xi 'pastiche' ta' kulturi differenti, iżda dawn il-kulturi differenti sabu mod ta' kif jintegraw u jsawru kultura multi-etnika fil-ġenetika stess tagħha. U tajjeb li noqogħdu attenti ħalli dan it-tip ta' għaġina ġenetika nkomplu niżviluppawh b'dan il-mod. L-arti tiegħi kienet ukoll qed tirrifletti dawn il-punti. Kont ġejt kritikat ukoll mhux biss minn dawk li huma 'skruplużi' imma anke minn dawk li dejjem urew ruħhom bħala avantgardisti.

Dawn tal-aħħar ma setgħux jifhmu kif artist bħali, li mhux persuna reliġjuża, jista' jagħżel suġġett reliġjuż bħala suġġett artistiku. Il-problema hawn hi li dawn jinsew li l-arti hi sfera ta' attività li hi marbuta ankra mal-kultura li ħaddnet lil kulħadd f'parametri territorjali u spiritwali. Il-valuri Kristjani mhumiex valuri monopolizzati minn knisja waħda u partikolari.

L-istorja tagħna, imwaħħda wkoll ma' dik Ewropea hija storja, taqbel jew ma taqbilx, anke tal-Kristjaneżmu. Diffiċli jekk mhux impossibbli li tifred l-istorja Ewropea minn dik Kristjana. U jekk timponi din il-qasma, inkunu qed nagħmlu żball drastiku fl-analiżi tal-istorja u anke fl-iżvilupp tagħna stess. Għandna bżonn nifhmu sew li temi reliġjużi f'idejn artista jittraxxendu r-reliġjożità. Għandna ħafna eżempji bħall-Kappella ta' Vence ta' Matisse, il-Kurċifiss ta' Picasso, u l-Kappella 'Paċi u Gwerra' tiegħu, il-Kappella ta' Rothko meravilja ta' ħsieb metafiżiku spiritwali, Kandinsky, Malevich u ħafna oħrajn li jmorru lil hinn minn reliġjożità partikolari ta' knisja. Dawn huma ħsibijiet important li wkoll jifformaw parti mill-politika ġdida tal-Biennale tal-Imdina li llum jien sirt id-Direttur Artistiku tiegħu. Wara l-ewwel ġimgħat ir-risposta għal dan kienet ħaġa ftit anqas minn fenomenali. Artisti mill-Ġermanja, mir-Russja, l-Ingilterra, l-Istati Uniti, Bulgarija, Spanja, mill-Portugall irreaġixxew mill-ewwel u ħafna minnhom ikkonfermaw li se jipproponu xogħol ġdid għall-Biennale. L-istess l-artisti lokali. Kelli diskussjonijiet ma' ħafna artisti għax nemmen li Biennale mhux sempliċiment iddendel xogħlijiet u daqshekk.
Anzi, il-Biennale nnifsu huwa xogħol ta' arti per se, huwa 'installation /performance art' hu stess. Għall-inqas għalija hekk se tkun sfruttata u organizzata. Importanti li l-artisti jduru u jiddibattu tema magħżula kull darba li dan l-avveniment jseħħ. L-isem tal-Biennale issa tbiddel u sar 'Mdina Cathedral Contemporary Art Biennale'.

B'hekk jidher mill-ewwel li espandejna sew l-ispettru tiegħu minflok li jkun ristrett biss għall-idea ta' Arti Kristjana. Min-naħa l-oħra nemmen li dan il-Biennale jkollu joħloq pont mal-passat u b'hekk l-ewwel tema għall-Biennale hija 'Kristjaneżmu, Spiritwalità u lil Hinn' (Christianity, Spirituality and the Other) fejn l-idea ta' 'Lil Hinn' qed tkun interpretata bl-aktar mod wiesa'. Dan jinkludi fidi, nuqqas ta' fidi, ateiżmu, teiżmu, agnostiċiżmu, dubbji, kwalunkwe spiritwalità jew oħra. Jiġifieri rridu noħolqu dibattitu viżiv madwar ir-relazzjoni tal-bniedem u l-ispiritwalità fl-eżistenza tiegħu u naraw kif din it-tema eternali se tkun interpretata minn artisti fis-seklu 21.

Ħadt gost immens meta ltqajt mal-Kapitlu tal-Imdina biex niddiskutu l-kundizzjo-nijiet u l-ħsibijiet tiegħi li għandhom jiddeterminaw l-andament tal-Biennale. It-teżi tiegħi kardinali hi li l-uniku kriterju fl-għażla għandha tkun il-kwalità u xejn aktar. Dan jista' jkun implimentat sew meta għandek persuna waħda responsabbli għalih, li jidħol jew tidħol bir-responsabbiltà kollha għall-attività bħal din. Ma jistax ikollok kumitati u sotto-kumitati f'dan il-qasam għax ma jsir xejn jew dak li jsir ikun biss taħlita ta' medjokrità.
Id-domanda l-oħra importanti kienet il-problema akuta ta' vulgarità u sensaz-zjonaliżmu anke pornografiku li llum saret ħaġa komuni u ta' kuljum fil-qasam tal-arti speċjalment fil-Biennali kollha li qed ikunu organizzati madwar id-dinja kollha.

Jien wieħed li bħal Don Quichotte għadni nemmen kif tenna Keats il-poeta Ingliż li 's-Sabiħ huwa l-Veru u l-Veru hu s-Sabiħ'. Illum din ovvjament tinstema' anakronistika, iżda qed nipprova kemm hu possibbli li terġa' ssir waħda mill-pedamenti tal-arti kontemporanja. Wara żewġ sekli ta' attakki kontra s-Sabiħ forsi wasal iż-żmien li nerġgħu nibdew nirriflettu mill-ġdid. Ma nemminx li rridu mmorru lura. Lanqas xejn.
Iżda hemm bżonn li nqaj-jmu dibattitu sħiħ fuq ir-rwol ġdid modern u modernista tal-estetika, u nagħtuh ħsieb ġdid u kontemporanju. B'hekk meta l-vulgarità u s-sensazzjonaliżmu jpoġġu l-arti f'dell kbir u jitfuha, allura l-loġika tiegħi tikkonkludi li din il-biċċa xogħol ma hi arti xejn. Ix-xogħol ikun wieħed artistiku meta l-arti tkun predominanti u mhux il-vulgarità, sensazzjonaliżmu jew ħaġa jew oħra. Naturalment hemm xogħlijiet li jipprovokaw dan id-dibattitu b'sens qawwi. Nieħdu eżempju l-aspett erotiku manifestat fix-xogħol ta' Bernini 'Santa Tereża', jew ta' Ċaffa 'Santa Rosa' u nibqgħu anke sakemm niġu għal Rouault u serje inkredibbli tiegħu 'Miserere'. Dejjem meta l-arti tibqa' hi predominanti ma tinħoloqx problema. Id-diffikultà hi meta fatturi oħra non-artistiċi jiddeterminaw ix-xogħol. U dan ikun żball kbir tal-artist.
F'waħda minn ħafna laqgħat li qed nagħmel ma' artisti Maltin fuq il-Biennale żewġ artisti esprimew id-diffikultà tagħhom li jipparteċipaw f'avveniment Kristjan/Kattoliku u anzi rawha ftit stramba li jien aċċettajt. Din ħolqot dibattitu ferm interessanti.

L-ewwel ħaġa ma stajtx nifhem kif artist kontemporanju qed issib diffikultà hawn meta l-arti kontemporanja taċċetta kwalunkwe ħaġa bħala għajjun tal-arti. Donnu l-Kristjaneżmu biss ma jistax ikun suġġett tal-arti kontemporanja skont dawn l-artisti. Paradoss totali. Fil-kamp tal-arti kontemporanja ilna mitt sena ngħidu li kollox jista' jkun suġġett tal-kreattività.
U llum, b'mod spettakolari, ir-reliġjon bħala tema reġgħet dieħla sewwa fl-arti kontemporanja internazzjonali, wara assenza importanti. Biss, din it-tema dieħla b'karatteristika differenti, jiġifieri, li l-artist illum m'għandux il-legami reliġjużi-klerikali biex joħloq xogħol spiritwali. Dan l-aspett fil-fatt tagħti l-arti kontemporanja atmosfera ferm eċċitanti, intriganti u anke traxxendentali lill-arti spiritwali. Fil-fatt wasalna fi triq ġdida fejn erġajna lura għal żminijiet meta l-artist illum ikollu "jesplora, jikkritika, jiċċelebra, jokrob, u jissoverssivja kwalunkwe ħaġa li tiġi quddiemu" kif sewwa tgħid Adrienne Dengerink Chaplin, studjuża u professoressa tal-arti.

Ħaġa iżda interessanti hi li llum l-arti spiritwali u anke fil-forom tagħha reliġjużi qed tmur lilhinn minn rappreżentazzjonijiet tradizzjonali. Ħafna huma dawk l-artisti li llum qed jużaw it-tema reliġjuża iżda biex ukoll jinħolqu domandi fuq l-aspetti storiċi u anke inter-kontinentali. L-arti Afrikana u dik Aboriġina Awstraljana huma eżempji klassiċi f'dan il-qasam. L-eżempju tiegħi tal-Madonna preistorika kien jirrifletti dan ukoll. Ikun żball kbir li xi ħadd jinterpreta dawn ix-xogħlijiet bħala azzjonijiet redikoli, bħala ma ġralhom ix-xogħlijiet ta' Chris Ofili fi ħdan kemm il-Biennale ta' Venezja (2003) kif ukoll fl-esebizzjoni tiegħu 'Sensation' fil-Mużew ta' Brooklyn, New York (2001), tant li saħansitra ipprovoka rabja mhux tas-soltu mis-Sindku (ta' dik is-sena) ta' New York Rudy Giuliani.
Ħareġ jiddefendi x-xogħol ta' Ofili Wilson Yates, teologu Amerikan. Dan it-teologu jemmen li s-simboli tradizzjonalment Kristjani jifformaw parti integrali ta' kulturi nazzjonali u jmorru oltre minn interpretazzjoni stretta u magħluqa ta' kwalunkwe knisja u reliġjon partikolari. Simboli bħal dawn jingħataw forom differenti ta' interpretazzjoni kemm minn Kristjani kif ukoll minn dawk li mhumiex Kristjani u saħansitra kemm minn dawk li ma jemmnux kif ukoll minn dawk li huma agnostiċi u fid-dubju.

Fil-fatt b'mod interessanti Yates ikompli jsostni li hija preċiżament din id-diversità moderna ta' interpretazzjonijiet varji ta' simboli Kristjani li qed tagħti ħajja ġdida lil dawn l-istess simboli tradizzjonali.


Mdina Biennale Venues